L-Orizzont, 15 March 2010
Waqt l-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Din l-Art Ħelwa, il-President Eżekuttiv ġdid ta’ din l-għaqda Dr PETRA BIANCHI ddeskriviet l-ambjent tal-pajjiż bħala wieħed “imbiċċer”. GAETANO MICALLEF iltaqa’ magħha biex jara għaliex taħseb hekk.

F’liema sens tħoss li l-ambjent tal-pajjiż huwa “mbiċċer”?

Meta għidt hekk kont qiegħda nitkellem dwar l-ambjent naturali u l-problemi kollha li għandna relatati miegħu.

Kont qiegħda nitkellem speċifikament dwar ir-riżoluzzjonijiet li għaddejna fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ ġimagħtejn ilu li kienu jittrattaw l-istat tal-ilma u r-riżors tal-ilma li għandna taħt l-art, il-baħar, il-ġebla tal-franka u t-tniġġiż tal-arja.

Mhux għax hemm dawn biss. Hemm iktar problemi, bħal dik tal-iskart, imma ħas­sejna li oħrajn jeħtieġ li nagħtuhom iktar prijorità.

Semmejt l-ilma tal-pjan. Nafu li minn taħt l-art qiegħed jittella’ ħafna iktar ilma milli suppost. X’qegħdin tissuġġerixxu?

Irid ikun hemm iktar kontroll fuq l-ammont ta’ ilma li ntellgħu. Hemm ħafna problemi bil-‘boreholes’ u qiegħed jittella’ wisq ilma milli għandna ntellgħu. Jekk ma nagħmlu xejn biex nindirizzaw din il-problema fil-futur se jkollna l-problemi.

Sfortunatament f’Malta n-nuqqas ta’ kon­troll ukoll hija problema. L-infurzar tal-liġi hemm bżonnha f’ħafna oqsma ambjentali. Naħseb li din hija waħda mill-ikbar problemi ambjentali li għandna. Mhux biss fl-ilma imma anke fejn jidħol bini Barra ż-Żoni ta’ Żvilupp.

Dwar il-ġebla tal-franka x’inhi l-preokkupazzjoni tagħkom?

Il-ġebla tal-franka għadha qiegħda tin­tuża għall-bini imma meta l-bini jitwaqqa’ ħafna minnha jarmuha. Biex terġa’ tużaha trid tuża metodi speċjali għax jekk il-kantuni tkissirhom ma tistax terġa’ tużahom.

Aħna naħsbu li jrid isir sforz jew sistema fejn in-nies li jkunu qegħdin jiżviluppaw jiġu inkoraġġiti biex jużaw dan il-ġebel fil-bini l-ġdid.

Fl-aħħar 20 sena rajna wisq twaqqigħ ta’ djar li kienu għadhom tajbin biex jerġgħu jiġu żviluppati f’appartamenti li ħafna minnhom baqgħu vojta. Jiġifieri diġà kien hemm ħela għax għandna riżors importanti li huwa limitat.

Allura x’għandu jsir?

Meta l-bini antik jitwaqqa’ għandu jitwaqqa’ b’ċertu mod biex kemm jista’ jkun il-ġebel jerġa’ jintuża. Imma trid taħseb minn qabel… ma tistax tmur u tkisser għax inkella ma tkunx tista’ terġa’ tużahom. Veru li jista’ jkun hemm iktar spejjeż involuti imma ħasra li għandna riżors li mhux nużawh sew.

Hemm ftit nies li jkunu jridu jibnu d-dar b’ġebel antik imma din ġeneralment tkun għażla tal-ftit. Ħafna mid-djar li jitwaqqgħu l-ġebel tagħhom jew ma jkunx jista’ jintuża jew ma jerġax jintuża.

Nikkalkulaw li ġebel tal-franka fil-bar-rieri eżistenti baqa’ biss għat-30 sena li ġejjin. U anke l-barrieri huma limitati… ma tistax tagħmel barrieri fejn trid. Illum hawn iktar kuxjenza tal-problemi li jeżistu meta jkollok barriera viċin ta’ fejn jgħixu n-nies. Hemm żoni limitati fejn jistgħu jsiru l-barrieri.

La baqa’ ġebel għal 30 sena oħrajn irid ikun hemm ħsieb jew strateġija kif se nagħ­mlu biex inħarsu l-ġebel li għandna.

Semmejt ukoll il-baħar. X’inhu t-tħassib tagħkom?

Bħall-art, il-baħar qiegħed ibati minn wisq tniġġiż. Għandek il-problema tal-ir-ziezet tal-ħut li jniġġżu ħafna. Il-problema li m’għandniex strateġija ambjentali, jew politika ambjentali, li tħares lejn il-futur. Ħalli ngħidu hemmhekk jista’ jkollna problema u ’l quddiem irridu naħsbu kif se nindirizzaw dik il-problema.

Irridu li jkollna politika ta’ viżjoni fit-tul ta’ fejn irridu naslu biex, ngħidu aħna, fil-ħames snin jew għaxar snin li ġejjin inkunu nafu fejn irridu naslu dwar liem problema.

U dwar l-irziezet tal-ħut?

Il-problema tal-‘fish farms’ meta jkunu f’żona fejn ikun hemm użu ieħor li jkun f’kunflitt miegħu. Barra li trid toqgħod attent li dawn ma jagħmlux ħsara lil qiegħ il-baħar u lill-madwar, jekk ikollok razzett tal-ħut viċin wisq fejn jgħumu n-nies mhux tajjeb.

Mhux qiegħda ngħid li l-‘fish farms’ huma ħżiena imma s-siti jridu jkunu addattati.

Fuq it-tniġġiż tal-arja x’jinkwetak l-iktar?

Hemmhekk ukoll… m’hemmx biżżejjed kontroll fuq l-emissjonijiet. Inkluż mill-karozzi. Naf li hemm xi monitoraġġ imma l-problema f’ċerti żoni hija kbira u waħda mill-fatturi l-iktar perikolużi fejn tidħol is-saħħa.

Hawnhekk ukoll se jkolli ngħid l-istess ħaġa… irid ikun hemm iktar kontroll u strateġija. U m’hemmx biżżejjed. Żgur.

Il-fatt li f’Malta hawn ħafna karozzi kif tħares lejha?

Dik il-problema. Sakemm ma jkollniex trasport pubbliku adekwat dejjem se jkollna din il-problema.

Speċjalment meta għan­d­na ħafna toroq dojoq u ħafna karozzi.

Kemm taħseb li r-riforma fit-trasport pubbliku se tbiddel il-mentalità tan-nies u twassalhom biex jużaw iktar it-trasport pubbliku?

Naħseb li n-nies ibiddlu d-drawwiet tagħhom jekk ikun hemm għażla tajba u jkunu jistgħu jużaw xi mezz ta’ trasport ieħor. Imma bħalissa t-trasport pubbliku mhux biżżejjed. Barra li għandek it-tniġġiż li ġej minnu wkoll.

L-iktar ħaġa li nenfasizza hija li għandu jkun hemm strateġija politika fuq l-ambjent u nħarsu ’l bogħod. Lil hinn minn hemm diffiċli.

Taħseb li dawn il-problemi kollha li semmejt ġejjin mill-fatt li għal diversi snin l-ambjent tajnih il-ġenb u ħsibna f’affarijiet oħrajn?

Bla dubju. Għax ma kienx hawn biżżejjed kuxjenza dwar l-ambjent, il-problemi komplew jikbru u issa qegħdin f’sitwazzjoni fejn ħafna minnhom huma kritiċi. U peress li l-art tagħna hija żgħira iktar u iktar irridu naraw x’se nagħmlu.

F’dawn l-aħħar għaxar snin il-kuxjenza dwar l-ambjent kibret ħafna. Qabel kienet imma issa kibret ir-rieda tan-nies biex jagħ­mlu xi ħaġa huma favur l-ambjent bħas-separazzjoni tal-iskart fid-dar.

X’taħseb dwar il-MEPA?

Nispera li r-riforma twassal għal iktar konsistenza min-naħa tal-MEPA bħalma nispera li l-prijoritajiet tagħha jkunu iktar favur l-ambjent għax fil-passat ma kinux.

Veru li trid tibbilanċja bejn interessi differenti li jistgħu jkunu kunflinġenti. Imma biex tagħmel dan irid ikollha prijoritajiet sodi u nispera li dawk ikunu iktar favur l-ambjent. Bħalma nispera li tagħti prijorità wkoll lill-wirt storiku għax fil-passat ma kienx hemm biżżejjed enfasi fuq dan il-qasam.

Għalkemm hawn diversi appartamenti li għadhom vojta, il-MEPA għadha toħroġ permessi għall-bini ta’ iktar appartamenti. F’dan ix-xenarju għandhom jibqgħu jinħarġu permessi simili jew għandu jkun is-suq li jiddetermina dan?

Dejjem hemm is-suq imma jekk f’żona fejn hemm bini għoli żewġ sulari jibda jinbena bini li jkun għoli tliet sulari allura ovvja li qiegħed tinkoraġġixxi lil kulħadd biex iwaqqa’ d-dar u jerġa’ jibni fuq tliet sulari. Allura l-MEPA trid toqgħod attenta x’‘policies’ toħroġ.

Naħseb li ħafna żvilupp li sar kien żejjed għax bosta appartamenti baqgħu vojta u llum spiċċajna b’‘oversupply’ ta’ appartamenti żgħar.

Veru li forsi m’għandniex ħafna art u forsi rridu nibnu iktar f’żoni ristretti, u allura fuq tliet sulari flok tnejn, imma ma kienx hemm għaliex fiż-żoni kollha jsir dan il-bini kollu fuq tliet sulari.

Allura taħseb li għandna nibnu iktar binjiet fil-għoli?

Skont fejn. Żgur li ma tistax tibni fil-għoli kullimkien. Aħna kkummentajna ħafna dwar l-iżvilupp tal-Mistra fejn iridu jibnu fil-għoli. Hemmhekk diġà qegħdin fuq għolja.

Għalina żviluppi bħal dawn m’għand­homx isiru għax mhux addattat li jkollok binja għolja.

Imma f’żoni oħrajn jista’ jkun hemm lok li tibni fl-għoli. Imma xorta trid toqgħod attent fejn. Is-sit huwa importanti ħafna.

Fuq il-bini storiku x’taħseb dwar is-sitwazzjoni preżenti?

Issa hemm iż-żoni urbani u qiegħed isir inqas twaqqiegħ fihom. Kien hemm ċerti snin fejn kont tapplika, twaqqa’ dar antika u tibni fuq l-istess stil.

Imma dak mhux biżżejjed għax xorta dik id-dar tibqa’ ġdida. U żona storika jrid ikollha djar storiċi u mhux djar qishom storiċi jew replika ta’ djar storiċi.

M’hemmx għalxiex tkun żona fejn ma jista’ jsir l-ebda żvilupp għax inkella ħadd ma jgħix hemm.

Ma tistax tkun strett iżżejjed u tgħid “hawnhekk ma tista’ tmiss assoluatment xejn”. Sakemm ma jkunx skedat.

Imma jrid ikollok il-possibilità li tagħmel xi rinovazzjoni biex id-dar tiġi abitabbli. Inkella jkollok żoni fejn ħadd ma jrid jgħix fihom u dik mhux tajba lanqas.U mbagħad żgur jaqgħu d-djar.

Rigward fortifikazzjonijiet storiċi… hawn uħud miżmumin tajjeb u oħrajn, bħal Sant Iermu u Sant Anġlu, li le. X’taħseb?

Sant’Iermu żgur li problema. U ilha problema. Bini bħal dan irid ikollok pjan x’se tagħmel bih u barra minn hekk iridu jinstabu l-fondi għal binja bħal dik. Nispera li jagħtuha prijorità.

Binjiet storiċi taħseb li għandhom jitmexxew mill-Gvern jew minn għaqdiet storiċi jew ambjentali?

Binja bħall-Forti Sant Iermu hija kbira ħafna biex għaqda bħal tagħna tieħu ħsiebha. Dejjem lesti ngħinu fejn nistgħu imma l-proprjetajiet li nieħdu ħsiebhom aħna jkunu ħafna iżgħar. Bħal torrijiet. Imma dejjem nistgħu ngħinu minn xi aspett. U diġà ngħinu minn fuq ċertu kumitati fejn nagħtu l-fehmiet tagħna.

Barra minn hekk nagħmlu ħafna restawr. Dejjem għaddejjin. Beħsiebna nibdew ir-restawr fuq it-Torri tax-Xlendi u l-Knisja tal-Vitorja fil-Belt. Dan barra l-manteniment ta’ binjiet oħrajn.

Snin ilu kien hemm ftit għaqdiet li jistgħu jagħtu sehemhom. Illum hawn iktar. Hemm uħud kbar li jkunu magħrufin imma hemm oħrajn żgħar li forsi mhumiex daqs­hekk magħrufin.

Biex nerġa’ ndur fuq l-ambjent naturali. Nhar is-Sibt saret ‘rally’ minn diversi għaqdiet ambjentali imma intkom ma ħadtux sehem. Għaliex?

L-unika punt li ma qbilniex mal-għaq-diet l-oħrajn kien dwar il-pjan għall-Belt għax l-għaqdiet l-oħra qegħdin jgħidu li jmur kontra l-Pjan ta’ Struttura mentri aħna ma naqblux. Imma fuq dik biss ma qbilniwx. Hemm ħafna affarijiet oħrajn tar-‘rally’ li naqblu magħhom. Hemm ħafna ‘issues’ li ssemmew fir-‘rally’ li naqblu magħhom u dejjem għedna l-istess affarijiet.

Bħala President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa x’inhuma l-pjani tiegħek għall-għaqda?

Ilni naħdem fil-kumitat tal-għaqda jiġifieri d-direzzjoni tal-kumitat diġà ħadt sehem fiha ħafna. Nispera li nkomplu nagħmlu iktar xogħol imma fuq il-linja li qbadna. Se jkollna żgur proġetti ġodda ta’ restawr. Matul is-snin l-għaqda bdiet iżżid fl-interess fuq l-ambjent naturali. Dejjem kien hemm imma waqt li qabel kien hemm iktar enfasi fuq il-wirt storiku. L-ambjent naturali qegħdin intellgħuh iktar fuq l-aġenda tagħna.

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=61204